Explore selected works, browse sample chapters, and discover new poetry by Dr Michael Tanti-Dougall.
“Tanti-Dougall iżomm it-tradizzjoni Romantika fil-kitbiet tiegħu u dan jagħmlu fuq diversi livelli. II-metrika ta’ ħafna minn dawn il-kitbiet timita dik li kienet użata mill-poeti l-antiki: il-preferenza għall-vers regolari, l-użu spiss tal-kwartina qasira u rima jew assonanza li jahhru sew lil dak li jkun fl-espressjoni popolari aktar milli fir-rabja tal-letteratura l-aktar reċenti.”
“Aktar minn dan, hija t-tematika magħżula li tpoġġi lil Tanti-Dougall flimkien ma’ oħrajn li ppreferew it-tradizzjoni milli dak li ġie warajha. Poeżiji bħal “Is Salib tal-Għolja” (li Tanti-Dougall kiteb meta kien għadu adolexxenti) u “Marija” jippreżentaw ċelebrazzjoni tal-fidi Kattolika, nieqsa għal kollox mis-sens ta’ dubju u mistoqsija li kien il-karatteristika ewlenija tal-poeżija reliġjuża li feġġet fid deċennju li sawwar il-moderiżmu lokali … “Marija” tfakkar lill-qarrejja fil-faxxinu li l-Kattoliċiżmu, partikolarment kif imħaddan u espress fil-kultura Mediterranja u Latina, għandu bit-tbatija u l-mewt u bin-niket li dawn jikkawżaw fuq il-bnedmin ... “Marija” tfakkarna fil-kitbiet reliġjużi ta’ poeti bħal Dun Karm Psaila u Patri Ġużè Delia u Rużar Briffa, li ħafna drabi poġġew il-fidi Kattolika u t-tbatija fl-istess keffa. Imma fuq kollox, aktar milli meditazzjoni tal-ħsieb, aktar milli riflessjoni spiritwali, insibu tqanqil emottiv.”
“Dawn il-versi li ġejjin m’għandhomx aspirazzjonijiet politiċi bħalma riedu li l-poeżija jkollha dawk il-kittieba li nidew il-moderniżmu Malti u I-ġenerazzjoni ta’ warajhom. Għall-kuntrarju, huma versi li jridu jserrħu l-menti ta’ dak li jkun, bħal versi li jinqraw fi tmiem il-jum qabel ma wieħed jidħol f’dik il-burdata kalma li tħennih biex jistrieħ. Dawn huma linji mingħajr kontroversja, mingħajr polemika, mingħajr dak it-toqol eżistenzjali li jqajjem tant ansjetà fil-qarrejja.”
Immanuel Mifsud fil-pubblikazzjoni 'Spirali u Poeżiji Oħra' (2019)
“Fiċ-ċokon tagħha nħoss li din hija ġabra ta’ poeżija intenzjonata biex tisfida l-passività. Hija ġabra li ma tridx tkun parti minn sistema ikbar minkejja li tidher aljenata f’xenarji oħrajn. Hija ġabra li għalkemm mhux dejjem tgħidu b’mod espliċitu u ċar, tagħżel li tħares lejn il-mikrokożmu, lejn dak li ġibnieh insinifikanti jew mhux importanti …”
“… il-poeta quddiem il-poter m’għandux biex jitkessaħ u diffiċli jofqtu, juża l-memorja biex jibqa’ jopponi l-estinsjoni. Imma din mhix biss il-memorja tiegħu imma hija l-memorja ta’ nazzjon. Il-memorja kollettiva.”
“Il-biża’ tiegħi li Tanti-Dougall minħabba din l-istrateġija jaf jiġi sempliċiment ikklassifikat bħala poeta romantiku u kollox jieqaf hemm. Tkun ħasra li l-qarrej jieqaf fil-wiċċ jiggosta n-nostalġija li qed jipproponi. Kollu minnu r-romantiċiżmu hemm qiegħed. It-temi hemm qegħdin. Imma hemm saff ieħor fil-poeżija. Tista’ tara paralleliżmi bejnu u bejn il-poeta Għawdxi Ġorġ Pisani jekk trid, minħabba r-rabta storja-poeżija imma tkun bqajt wisq distakkat mill-intenzjonijiet tal-poeta.”
“Tiegħu hu lessiku naturali mingħajr l-ebda sforz anki jekk xi drabi jħossu kostrett li jispjegah. Hemmhekk forsi jinħass iktar l-avukat li baqa’ ukoll l-għalliem, milli l-poeta. Imma anki hawn, hawn riflessjoni fuq l-ilsien tagħna li qed jinbidel kuljum u xi wħud għandhom ukoll il-biża’ li jitgħaffeġ f’daru stess.”
“Il-poeżija ta’ Dr Michael Tanti-Dougall mhix waħda tal-għoqiedi imma minħabba dan għandha tkun apprezzata minn min ikun jixtieq ibexxaq it-tieqa għal ftit ħin fuq soċjetà li m’għadiex, intilfet imma għada mixtieqa.”
Sergio Grech fil-pubblikazzjoni 'Gallariji u Poeżiji Oħra' (2024)